Attakki terroristiċi f’żewġ provinċji Torok separati fix-Xlokk qatlu ħames suldati u żewġ uffiċjali tal-pulizija fi tmiem il-ġimgħa.
Żewġ uffiċjali tal-pulizija nqatlu f’attakk bil-bomba fuq kwartieri ġenerali tal-pulizija fil-provinċja tax-Xlokk ta’ Gaziantep fl-1 ta’ Mejju filgħodu, ikkonferma l-Gvernatur Ali Yerlikaya.
Mill-inqas 18-il pulizija u erba’ persuni ċivili ndarbu fl-attakk suspettat b’karozza bomba li seħħ għall-ħabta tad-9:20 am
Ix-xandar privat CNNTürk irrapporta li l-isplużjoni seħħet quddiem il-barrieri tal-kwartieri ġenerali.
Żewġ karozzi daħlu fiż-żona ta’ quddiem il-kwartieri ġenerali u bdew jisparaw b’armi awtomatiċi, bil-pulizija jwieġbu għall-attakk, irrapporta kuljum Hürriyet.
Waħda mill-karozzi rnexxielha taħrab, filwaqt li t-tieni karozza splodiet, skont rapporti. Il-pulizija bdiet tfittxija biex taqbad il-karozza l-oħra involuta fl-attakk.
Filmati minn xandira tas-CNNTürk wrew biċċiet ta’ vettura mġarrfa ħdejn il-gradi tal-istazzjon, diversi ambulanzi u trakkijiet tal-brigati tat-tifi tan-nar fuq il-post tal-isplużjoni, li qal inħass minn kilometri ‘l bogħod.
Il-midruba ttieħdu l-isptar, fejn uffiċjal tal-pulizija ċeda għall-ġrieħi li ġarrab.
Il-miżuri ta’ sigurtà żdiedu quddiem l-isptar imsemmi qabel.
Timijiet tal-pulizija armati u ambulanzi ntbagħtu fiż-żona, hekk kif bini li jdawru l-istazzjon ġie evakwat mill-pulizija wara l-attakk.
Il-Prim Ministru Ahmet Davutoğlu qal li l-investigazzjonijiet dwar l-attakk għadhom għaddejjin.
"Lħaqna informazzjoni sinifikanti, iżda l-Ministeru tal-Intern se jagħmel id-dikjarazzjoni meħtieġa fi żmien debitu," qal Davutoğlu.
Il-President Recep Tayyip Erdoğan irċieva informazzjoni dwar l-attakk mill-Ministru tal-Intern Efkan Ala u tkellem fuq it-telefon mal-Gvernatur Ali Yerlikaya, skont sorsi presidenzjali.
Sadanittant, erba’ suldati Torok inqatlu u 14 ndarbu fuq attakki separati tal-1 ta’ Mejju mill-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) illegali fil-provinċji tax-Xlokk ta’ Mardin u Şırnak, skont rapporti.
Tliet suldati nqatlu u 14 indarbu waqt operazzjoni militari fid-distrett ta’ Nusaybin tal-provinċja tax-Xlokk ta’ Mardin, qalu l-Forzi Armati Torok fi stqarrija.
L-attakk fil-belt, fejn numru ta’ distretti jinsabu taħt curfew u l-operazzjonijiet ilhom għaddejjin mill-14 ta’ Marzu, seħħ waqt li s-suldati kienu qed jisplodu bomba li tpoġġiet mill-militanti fi Triq Çağçağ ta’ Nusaybin.
Tliet suldati, identifikati bħala surġenti speċjalizzati tal-ġendarmerija Serdar Yıldırım, Sinan Oruç u Hakan Duygal, inqatlu fl-attakk, skont id-dikjarazzjoni uffiċjali mill-Kap tal-Persunal.
Is-suldati midruba tressqu fi sptarijiet statali f’Nusaybin u f’Mardin ċentrali, skont rapporti.
F'attakk separat fl-istess jum, suldat weġġa' gravi wara li ntlaqat minn sniper tal-PKK waqt operazzjoni fil-viċinat ta' İsmetpaşa ta' Şırnak.
Is-suldat ferut, li l-identità tiegħu kienet għadha trid tiġi żvelata meta Hürriyet Daily News marret għall-istampa, ġie trasferit fil-pront b'ambulanza armata lejn l-Isptar Statali ta' Şırnak, fejn aktar tard ċeda għall-feriti tiegħu.
L-attakk seħħ ġurnata wara li l-armata ħabbret li kaptan tal-armata nqatel minn sniper tal-PKK f’Nusaybin.
Il-Kaptan Alper Kalem safa ferut fi ġlied li nqala’ meta grupp ta’ suldati kienu qed jippruvaw ineħħu l-bombi fit-toroq fis-7 ta’ filgħodu ħin lokali fit-30 ta’ April.
Kalem ittieħed l-isptar iżda wara ċeda għall-feriti tiegħu.
Intant, fl-istess lokal ndarbu żewġ uffiċjali tal-pulizija u suldat wieħed f’attakk bir-rokits fuq vettura blindata.
Kmieni fit-30 ta’ April, il-militar kien iddikjara li ajruplani tal-gwerra Torok qerdu miri tal-PKK fit-Tramuntana tal-Iraq.
Qalet li erba’ jets F-16 u 14 F-4 wettqu r-rejds f’pożizzjonijiet f’Kandil, Hakkurk u Avasin bejn it-23:00 pm u s-1:40 am ħin lokali.
Żiedet li par ta’ ajruplani tal-gwerra F-4 wettqu wkoll żewġ attakki mill-ajru fuq bażijiet tal-PKK fiż-żona rurali ta’ Güneycam tal-provinċja Torka tax-Xlokk ta’ Şırnak.



